X’inhu r-rwol tal-Ministeru tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment?
Xogħol il-Ministeru tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment (il-MITI) huwa li jippromwovi l-użu ta’ l-IT, l-Internet u innovazzjonijiet oħrajn fit-teknoloġija fl-oqsma tal-Gvern, tan-negozju, ta’ l-edukazzjoni, tad-divertiment u fil-bqija ta’ l-aspetti differenti ta’ ħajjitna.
Fejn nista’ nikkuntattja l-Ministeru għall-IT u l-Investiment?
Ministeru għat-Teknoloġijja ta’ l-informazzjoni u Investiment
168, Triq id-Dejqa,
Valletta Malta
Telefon : + 356 22951310
Fax : +356 21250700
X'inhi l-ID elettronika (e-ID)?
L-e-ID hija l-ekwivalenti elettronika tal-karta ta' l-identità, karta li toħroġ liċ-ċittadini kollha 'l fuq minn 14-il sena. L-e-ID tippermetti liċ-Ċittadini u n-Negozji biex jaċċessaw u jużaw is-servizzi ta' l-eGovernment mill-kompjuter tagħhom.
Għalfejn għandi nikseb e-ID?
L-e-ID toffrilek metodu sempliċi ta' identifikazzjoni u awtentikazzjoni biex taċċessa s-servizzi tal-myGov.mt. Jekk tidħol fil-myGov.mt u tilloggja bl-e-ID tiegħek, inti tkun tista' taċċessa s-servizzi tal-Gvern on-line personalizzati mid-dar tiegħek, mill-uffiċċju jew mill-Kunsill Lokali.
Kemm tiswa l-e-ID?
L-e-ID hija mingħajr ħlas.
Jien eliġibbli biex napplika għal e-ID?
Biex tapplika għal e-ID, irid ikollok Karta ta' l-Identità Maltija valida.
Kif napplika għal e-ID?
Trid tmur personalment l-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni u tippreżenta l-Karta ta' l-Identità. L-uffiċjal tar-Reġistrazzjoni jgħinek fil-proċess ta' l-applikazzjoni. Inti għandek tmur personalment fl-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni.
L-appikazzjoni tgħaddi minn proċess ta' awtentikazzjoni u verifika u ladarba tiġi aċċettata, jibagħtulek Numru ta' l-e-ID u password bl-email, u l-kodiċi ta' attivazzjoni PIN bil-posta. Il-PIN għandek bżonnu biex tattiva l-e-ID l-ġdida fil-portal myGov.mt u għat-tranżazzjonijiet l-oħra kollha li jirrikjedu livell ta' sigurtà ogħla. Jekk jogħġbok immemorizza l-PIN tiegħek kif ukoll l-e-ID u l-password.
Kif tintlaqat il-privatezza tiegħi?
Il-Gvern ta' Malta ta b'kuntratt l-amministrazzjoni tal-proċess tal-verifika ta' l-identità u l-ħruġ tad-drittijiet ta' l-aċċess sussegwenti lil Awtorità tar-Reġistrazzoni indipendenti u fdata. Il-proċessi tar-reġistrazzjoni u awtentikazzjoni huma strettament separati u dan isaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà tas-sistema u tas-servizzi li qed jiġu offruti lill-pubbliku. In-Numru ta' l-e-ID u l-password jintbagħtulek bl-email, filwaqt li l-kodiċi ta' attivazzjoni PIN jintbagħat bil-posta f'indirizz irreġistrat. Iċ-Ċittadin jibqa' fil-kontroll tad-data personali tiegħu u jista' jaċċessa din l-informazzjoni personali li tiġi maħżuna u pproċessata mill-Gvern.
Nista' nsib lil xi ħadd biex jgħini?
Hemm helpdesk disponibbli biex jgħin lill-utenti bir-reġistrazzjoni ta' l-e-ID u l-attivazzjoni kif ukoll bis-sospensjoni u r-revoka tas-servizzi elettroniċi. Dan il-helpdesk huwa disponibbli fuq bażi 24X7 bit-telefon 21226627 / 21226628 jew bl-email fuq
info@mygov.mt.
Kemm iddum valida l-e-ID?
Sakemm il-Karta ta' l-Identità tiegħek tibqa' valida, l-e-id tibqa' valida.
X'inhu rwol f'myGov.mt?
Ir-rwol huwa l-kapaċità li fiha inti qed tuża l-myGov.mt. F'ħafna każi tkun inti fil-kapaċità personali tiegħek u s-servizzi li għandek bżonn jidhru fis-sezzjoni msejħa “Is-Servizzi Tiegħi”. Ir-rwoli l-oħra li jista' jkollok huma marbuta jew ma' funzjoni Delegata (minn persuna oħra) jew ma' funzjoni Assenjata (minn Organizzazzjoni li tkun ingaġġatek). Fiż-żewġ każi inti ġejt fdat biex tuża s-servizzi ta' l-eGovernment f'isem il-Persuna jew l-Organizzazzjoni l-oħra. F'dawn il-każi l-ismijiet tal-Persuni jew l-Organizzazzjonijiet jidhru fil-quċċata tas-sezzjoni “Is-Servizzi Tiegħi” fuq ix-xellug ta' l-iskrin, u s-servizzi li inti tista' tuża f'isimhom jidhru eżatt taħt. Is-servizzi ta' l-eGovernment Iddelegati jew Assenjati jidhru wkoll taħt il-kategorija rispettiva fil-lista “Is-servizzi ta' l-eGovernment Tiegħi” taħt “Is-Servizzi Tiegħi”.
X'inhu ċertifikat diġitali?
Iċ-ċertifikat diġitali huwa ċ-ċavetta tiegħek biex taċċessa s-servizzi ta' l-eGovernment b'mod sikur. Ibbażat fuq proċess kriptografiku msejjaħ PKI (Public Key Infrastructure), iċ-ċertifikat diġitali huwa sett ta' informazzjoni b'format elettroniku standard. Iċ-ċertifikat jikkonferma li s-sid taċ-ċertifikat (Isem, Kunjom u l-ID elettronika ta' l-utent) hija assoċjata maċ-ċavetta pubblika tiegħu. L-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni (AĊ) tiffirma b'mod diġitali ċ-ċertifikati li toħroġ u tikkonferma li huma korretti. Min għandu ċ-ċertifikat jkollu ċavetta privata, filwaqt li l-Awtorità żżomm iċ-ċavetta korrispondenti.
Kemm jiswa ċertifikat diġitali?
Il-Gvern qed jipprovdi ċertifikati diġitali bla ħlas liċ-ċittadini li għandhom l-e-ID.
Kif napplika għaċ-ċertifikat diġitali?
Wara li tilloggja bl-e-ID tiegħek fil-Portal tal-Gvern inti tkun tista' tapplika online għal ċertifikat diġitali. L-Awtorità tirċievi l-applikazzjoni tiegħek, tiskrutinaha u tavżak meta l-applikazzjoni tkun ġiet aċċettata. Inti jkollok bżonn il-kodiċi ta' attivazzjoni PIN meta tapplika għal ċertifikat diġitali. Ikollok bżonn taqra wkoll it-Termini u l-Kundizzjonijiet flimkien ma' l-Istqarrija tal-Prattika taċ-Ċertifikazzjoni.
X'inhi l-Istqarrija tal-Prattika taċ-Ċertifikazzjoni?
L-Istqarrija tal-Prattika taċ-Ċertifikazzjoni (SPĊ) tinkludi l-prattiċi u l-istandards li jitħaddmu mill-Awtorità taċ-Certifikazzjoni (AĊ) tal-Gvern meta toħroġ, tirtira jew tippubblika ċertifikati diġitali u meta toffri servizzi ta' ċertifikazzjoni f'Malta.
L-istqarrija tiddiskuti fid-dettall ir-rwoli, relazzjonijiet, responsabbiltajiet, obbligazzjonijiet u l-liabilities potenzjali ta' organizzazzjonijiet u impjegati involuti fis-sistema li titħaddem mill-AĊ tal-Gvern biex toħroġ, tqassam, tmantni u tamministra ċertifikati diġitali mhux kwalifikati matul il-perjodu kollu tal-validità tagħhom. Tiddeskrivi wkoll il-kontrolli u l-proċeduri li jintużaw biex l-identitajiet ta' kull min għandu ċertifikat diġitali jiġu verifikati u kkonfermati. L-istqarrija tinkludi wkoll il-konsiderazzjonijiet operazzjonali, proċedurali u ta' sigurtà ta' l-operazzjonijiet ta' l-AĊ tal-Gvern kif ukoll tipprovdi lill-pubbliku deskrizzjoni estensiva tas-servizzi li toffri l-AĊ.
X'jiġri jekk nitlef in-numru tal-PIN?
Tista' tapplika għal PIN ġdid billi ċċempel lill-Helpdesk tal My GOV fuq 21226627 / 21226628. Inti se tintalab tipprovdi d-dettalji personali biex tiġi vverifikata l-identità tiegħek.
X'għandi nagħmel jekk nissuspetta li xi ħadd uża l-kompjuter tiegħi mingħajr awtorizzazzjoni u possibilment ikun uża l-e-ID u ċ-ċertifikat diġitali tiegħi?
Għandek iċċempel lill-Helpdesk immedjatament fuq 21499190 / 21499194 jew tibgħat email lil
info@mygov.mt