L-iskop tal-Bdil Elettroniku ta’ l-Indirizz (il-BEI) huwa li jiffaċilita l-proċess ta’ notifikazzjoni meta persuna tibdel l-indirizz tad-dar jew meta tinbidel l-iskema tan-numerar tat-toroq. Għalhekk, din is-sistema hija mmirata kemm lejn dawk l-individwi li jibdlu d-dar, kif ukoll dawk l-organizzazzjonijiet tan-negozju li jibdlu l-indirizz. Il-BEI jipprovdi lill-pubbliku bil-faċilità li dak li jkun: - jinforma kemm lill-organizzazzjonijiet fi ħdan is-settur pubbliku u dak privat dwar l-indirizz il-ġdid meta jibdel id-dar, meta jmur f’bini ġdid, jew meta jinbidlu l-iskemi tan-numerar tal-bibien;
- jiċċekkja l-istat tan-notifikazzjonijiet tiegħu permezz ta’ l-e-mail jew it-telefon ċellulari
Il-BEI huwa ‘servizz uniku' li permezz tiegħu l-utenti jistgħu jagħżlu l-entitajiet li jixtiequ jinnotifikaw. Is-servizz huwa aċċessibbli fuq bażi 24x7 b’servizz għall-konsumatur biex jgħin lill-utent f’każi ta’ diffukultà u/jew mistoqsijiet. Is-servizz jippermetti l-arkivjar tat-talbiet għall-bdil ta’ l-indirizz sabiex l-utent ikollu l-faċilità li jerġa’ jirreferi għalihom u li joħroġ rapport ta’ l-entitajiet li jkunu ġew notifikati. Dan ta’ l-aħħar ikun jinkludi fih ‘status report’ tat-tranżazzjonijiet li jkunu saru b’suċċess. Il-pubbliku jista’ jaċċessa s-sistema direttament mill-paġna ewlenija tal-Gvern (www.gov.mt ) minn fejn jiġi trasferit għall-BEI. Inkella wieħed jista’ jidħol direttament fil-portal tal-BEI. Ladarba wieħed jaċċessa s-sistema tal-BEI, l-utent jiġi pprovdut b’Formola online ta’ Bdil Elettroniku ta’ l-Indirizz li trid timtela kif suppost u tiġi ffirmata elettronikament permezz ta’ l-e-ID. Il-firma elettronika tindika kemm il-kunsens ta’ l-individwu biex jinnotifika lill-entitajiet magħżula dwar il-bdil fl-indirizz, kif ukoll li l-informazzjoni hija preċiża. Sussegwentement, is-sistema tal-BEI tinnotifika l-entitajiet kollha skond l-istruzzjonijiet u l-preferenzi ta’ l-individwu. L-utent ikun infurmat dwar l-istat ta’ kull notifikazzjoni permezz ta’ risposta li tasal għand l-utent ikkonċernat permezz ta’ e-mail, SMS jew posta normali, skond il-preferenzi ta’ l-utent.
|